Il-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli ser tiġi eqreb li issir is-sid ta’ darek

Is-suq tal-propjetà f’Malta qed jiffaċċja domanda bla preċedent, problema li tirrifletti x-xejra usa’ li hemm fl-Ewropa. Għaldaqstant, huma dejjem iktar dawk li qed ikunu inkwetati dwar l-affordabbiltà hekk kif ifittxu li jidħlu fis-suq huma wkoll.

Din il-kwistjoni hi xi ħaga li l-Gvern Malti u l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed jaraw ukoll, u għalhekk nedew il-Foundation for Affordable Housing (FAH) bħala impriża konġunta. Din l-inizjattiva mhix biss politika oħra fuq il-karta, imma sforz konġunt biex jitnaqqas id-distakk li qed jikber bejn il-prezzijiet tal-propjetà u l-kapaċità li n-nies jakkwistaw darhom. 

Allura, x’inhu l-pjan tal-FAH? Fil-qalba tagħha, il-Fondazzjoni qed tippromovi l-kawża tal-aċċessibilità għall-akkomodazzjoni f’Malta, specjalment għal dawk li, filwaqt li mhux eliġibbli għall-akkomodazzjoni soċjali, jaraw il-ħolma li jsiru sidien ta’ darhom bħala possibiltà remota. Ir-rwol tal-FAH mhuwiex biss dak ta’ benefattur; imma ser tippożizzjona lilha nnifisha bħala gwida finanzjarja, u toffri għodod u opportunitajiet biex dak li jkun isib residenza li jixraqlu.

Il-FAH mhux se tkun entità governattiva, iżda se topera bħala intrapriża soċjali. Dan ifisser li l-inizjattivi kollha tagħha jridu jkunu sostenibbli u ma jagħtux soluzzjonijiet tajbin biss fuq medda qasira ta’ żmien, iżda soluzzjonijiet dejjiema li jindirizzaw is-suq kollu kemm hu. 

Dan ix-xogħol ser ikun wiehed importanti għax il-konsegwenzi ta’ dawn il-kwistjonijiet ta’ affordabbiltà huma estensivi. Dan jaffetwa t-tessut tas-soċjetà Maltija. Is-suq tal-propjetà, xprunat kemm mid-domanda lokali kif ukoll minn dik internazzjonali, qed joħloq lakuna. Fuq naħa waħda, l-aspirazzjoni tal-Maltin, u min-naħa l-oħra, ir-realtajiet finanzjarji tagħhom. l-istudji jissuġġerixxu li din id-disparità tolqot l-aktar lill-individwi li jgħixu waħidhom u lil dawk b’finanzi limitati. Il-FAH qed taħdem biex tnaqqas dan id-distakk, u qed timbotta miżuri li jindirizzaw il-ħsibijiet tal-maġġoranza siekta li jħossuhom imwarrba mis-suq tal-propjetà. Permezz tal-istrateġiji innovattivi u l-interventi finanzjarji tagħha, il-Fondazzjoni ser tagħmel ħilitha biex tirristawra mill-ġdid il-bilanċ u tiżgura li f’Malta, li ssir sid ta darek ma jkunx privileġġ iżda dritt li jista’ jitwettaq.

This site is registered on wpml.org as a development site.