
Bħala l-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, immorru lil hinn milli sempliċiment nixprunaw politika b’saħħitha, u nfittxu wkoll li niksbu riżultati tanġibbli. Nixtiequ nassiguraw li kull proġett li naħdmu fuqu tassew jagħmel differenza f’ħajjet il-ħaddiema li qed jiffaċċjaw diversi tipi ta’ sfidi.
Għal dan il-għan, nieħdu approċċ dirett u proattiv li bih nesploraw kull possibbiltà ħalli nassiguraw li iktar unitajiet tal-abitazzjoni huma disponibbli bi prezzijiet realistiċi u verament affordabbli. Xi kultant, dan ifisser li ninnegozjaw il-valur tal-art jew termini aħjar ta’ finanzjament biex jitnaqqas il-kost totali. Ġaladarba aħna intrapriża soċjali, dan ifisser li jkollna nillimitaw wkoll il-marġni ta’ profitt tagħna—u ġieli tas-sħab tagħna—biex ix-xerrejja jew kerrejja jiffrankaw żgur.
Veru li niffokaw ħafna fuq l-akkomodazzjoni, imma fl-aħħar mill-aħħar nemmnu li l-aċċess bla stress għall-akkomodazzjoni affordabbli ħa jħalli effetti pożittivi fuq ħajjet in-nies, għaliex jagħtihom il-libertà jinvestu flushom u ħinhom fil-familji tagħhom, fl-edukazzjoni tagħhom, fil-karrieri tagħhom, u fil-ġejjieni tagħhom. L-akkomodazzjoni affordabbli ma tfissirx sempliċiment li jkollok saqaf fuq rasek, iżda toffri skaluna oħra li tippermetti lin-nies jitilgħu s-sellum soċjali bl-għan li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta.
Jekk tixtieq tibqa aġġornat bl-iżviluppi ewlenin kollha mill-Fondazzjoni għal Djar Affordabbli, agħfas hawn: Żomm Ruħek Aġġornat