Il-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli (FAH) qed tippubblika studju: “Entryways to Homeownership” miktub minn Dr. Dylan Cassar. Din l-analiżi soċjoloġika komprensiva tiżvela r-rwol essenzjali tal-familji fis-sistema tad-djar ta’ Malta, u tesplora kif il-familji jużaw strateġiji biex jiffaċilitaw is-sjieda tad-djar fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà u l-kundizzjonijiet tas-suq li qed jevolvu. L-istudju jista’ jinstab il-ħolqa ta’ fuq.
L-istudju jenfasizza l-bżonn ta’ diskussjonijiet maturi dwar il-politika tad-djar u l-prezz affordabbli, filwaqt li jenfasizza l-kontribut sinifikanti, għad li ta’ spiss injorat, tan-netwerks tal-familja. Ir-riċerka tpoġġi lil Malta fix-xenarju usa’ Ewropew tas-sistemi tad-djar. Il-kuntest ta’ Malta jixbah mill-qrib lil dak tal-ġirien tan-Nofsinhar tal-Ewropa, fejn in-netwerks estiżi tal-familja huma fundamentali għall-provvediment tad-djar.
L-istrateġiji ewlenin li jużaw il-familji Maltin huma varji. L-istudju sab li 10% tal-propjetajiet akkwistati bejn l-2010 u l-2020 ingħataw mill-ġenituri, u dan jirrifletti bidla minn xiri bbażat fuq is-suq għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni pprovduti mill-familja. Din l-istrateġija, li ta’ spiss tinvolvi l-iżvilupp mill-ġdid ta’ terraced houses tal-familja f’appartamenti multipli, ippermettiet lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar isiru sidien ta’ darhom f’ambjent tas-suq tal-lum.
Intant, 59% tal-adulti żgħażagħ (bejn it-18 u l-34 sena) jgħixu mal-ġenituri tagħhom. Dan ifisser li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ ko-residenza fl-Ewropa. Dan l-arranġament jippermetti liż-żgħażagħ biex ifaddlu l-flus għad-depożitu u l-ispejjeż tal-post, filwaqt li jipprovdi wkoll serħan il-moħħ għal dawk li jesperjenzaw problemi fiż-żwieġ. Dan jikkontribwixxi biex Malta jkollha rata akbar ta’ nies li huma sidien ta’ darhom, meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa.
L-appoġġ finanzjarju mill-familji, permezz ta’ trasferimenti ta’ flus u self, jgħin ukoll biex jittaffew l-isfidi taż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà u jżid il-potenzjal ta’ affordabbiltà għas-sidien tad-djar prospettivi. Illum, il-familji Maltin jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu lil uliedhom jixtru d-dar tagħhom finanzjarjament. Madwar 26% tal-Maltin irċevew xi rigali jew wirt, b’valur medju ta’ €29,000. Dan huwa proċess għali fih innifsu, u hawnhekk huwa fejn il-familja fil-passat kienet tipprovdi għajnuna finanzjarja jew, b’mod aktar komuni, appoġġ mhux finanzjarju relatat max-xogħol fiżiku fil-kostruzzjoni tad-dar.
Lil hinn mill-appoġġ finanzjarju, il-familji jisfruttaw in-netwerks soċjali biex iqabbdu lis-sidien tad-djar prospettivi ma’ professjonisti tas-sengħa fl-industrija tad-djar. Dan l-aċċess jista’ jwassal għal benefiċċji finanzjarji, bħal termini ta’ self favorevoli jew tariffi mnaqqsa, u jappoġġa sidien tad-djar ġodda permezz tat-trasferiment interġenerazzjonali tal-ħiliet u l-għarfien espert.
Rati ta’ sjieda tad-dar:
- Ir-rata ta’ sidien tad-djar ta’ Malta fl-2022 kienet ta’ 82.6%, ogħla b’mod sinifikanti mill-medja Ewropea (64.1%), u minn pajjiżi oħra fin-Nofsinhar tal-Ewropa (75.5%).
Modi ta’ akkwist ta’ propjetà:
- L-akkwist ta’ propjetà permezz ta’ donazzjoni jew wirt żdied minn 10% fis-snin 2000 għal 21% fl-aħħar għaxar snin.
- Wieħed minn kull sitt sidien tad-djar ta’ bejn is-16 u l-34 sena jew wiret propjetà, jew irċevieha bħala rigal.
L-istudju jikkonkludi li kull diskussjoni dwar il-housing Affordability f’Malta trid tikkunsidra r-rwol tal-familja, hekk kif ħafna drabi l-familji jtaffu l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà u l-isfidi tal-affordabbiltà. Id-distribuzzjoni tal-appoġġ relatat mad-djar fi ħdan il-familji tista’ taffettwa wkoll l-inugwaljanza fil-ġid u fid-dħul, influwenzata minn bidliet demografiċi u trasferimenti interġenerazzjonali tal-ġid.
F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, inizjattivi mmexxija mill-istat u l-Knisja taw spinta sinifikanti lis-sjieda tad-djar f’Malta billi offrew art bi prezzijiet imnaqqsa u ssussidjaw self għall-kostruzzjoni tad-djar. Dan kien mgħejun mill-appoġġ mill-familja fil-forma ta’ għajnuna finanzjarja u fil-bini tad-djar. Madankollu, illum il-pajsaġġ inbidel b’mod drammatiku minħabba li m’għadx hawn wisq art mhux żviluppata, u mill-fatt li naqas l-involviment dirett mill-istat u l-Knisja. Dan wassal għal dipendenza fuq l-appoġġ tal-familja, li jaggrava l-inugwaljanza tal-ġid fl-aċċess għall-akkomodazzjoni. Filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati dawn l-isfidi li qed jevolvu, il-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli (FAH) għandha rwol ċentrali biex tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi biex ittejjeb l-affordabbiltà għall-akkomodazzjoni. L-introduzzjoni ta’ LoanUp mill-FAH, programm li joffri rati ta’ self sussidjati, hija tweġiba strateġika għad-disponibbiltà limitata ta’ proprjetajiet affordabbli. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas l-ostakli għall-aċċess għas-suq tad-djar, u b’hekk tistinka biex tibbilanċja d-disparitajiet ikkawżati mid-dinamika ekonomika u soċjali attwali.